Għodod u DVD

Global Action Schools

Il-proġett Global Action Schools huwa sħubija bejn għaqdiet minn seba’ pajjiżi (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ingilterra, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u t-Tajlandja). L-għan hu li jintuża l-potenzjal straordinarju ta’ l-iskejjel biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li qed tiffaċċja d-dinja.

Kull imsieħeb fil-proġett ħadem fil-qrib ma’ l-iskejjel u uża metodoloġija komuni biex ikunu żviluppati għodod u DVD speċifiċi għal kull wieħed mill-imsieħba. Dawn joffru lill-għalliema materjal pedagoġiku mħaddem u ttestjat li jgħin fit-tagħlim globali matul il-kurrikulu kollu.

L-għodod jgħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ:

  • jifhmu aħjar il-kwistjonijiet relatati ma’ l-iżvilupp globali fid-dinja;
  • jifhmu li l-għemejjel u l-aġir tagħhom jistgħu jkollhom effetti pożittivi fuq nies li jgħixu eluf ta’ mili ‘l bogħod minnhom;
  • jorbtu t-tagħlim mar-rwol li huma jista’ jkollhom fil-ħolqien ta’ dinja aktar ġusta u sostenibbli.

Il-materjal jesplora l-mod kif bidliet żgħar fl-affarijiet ta’ kuljum fl-iskejjel jista’ jkollhom effett pożittiv fuq il-ħajja ta’ nies li jgħixu f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Bejn l-2006 u l-2008, il-metodoloġija kienet żviluppata u mħaddma f’mitejn skola minn elf għalliem u minn sbatax-il elf student. Issa dawn jistgħu jintużaw b’xejn mill-ewwel 10,000 skola f’seba’ pajjiżi.